L-adolexxenti bniet u subien tal-MUSEUM ta’ Wied il-Għajn jiftakru f’ħutna ppersegwitati
Bl-inizjattiva ta’ Ms. Marianne Vella u tas-Sur Adrian Vella, Superjuri tal-Oqsma tal-MUSEUM Bniet u Subien rispettivament tal-Parroċċa ta’ Wied il-Għajn offrew donazzjoni lill-Aid to the Church in Need (Malta) li taħdem favur ħutna Kristjani ppersegwitati.
Din id-donazzjoni inġabret mill-adolexxenti li rċevew is-Sagrament tal-Griżma tal-Isqof. Din l-attività saret nhar il-Ħadd, 15 ta’ Novembru 2015 wara l-Quddiesa tad-9.15am. Huma ħarġu dan il-messaġġ għal din l-okkażżjoni:
“Aħna ż-żgħażagħ li ftit ilu rċevejna s-sagrement tal-Griżma tal-Isqof ħsibna li din is-sena nagħmlu ġest ta’ mħabba lejn min qiegħed ibati. Bosta drabi nisimgħu kemm insara f’pajjiżi oħrajn qegħdin ibatu inġustizzja u persekuzzjoni. Forsi ftit napprezzaw kemm għandna xortina tajba, aħna li nistgħu ngħixu l-fidi tagħna b’mod liberu. Hu għalhekk li aħna nixtiequ nkunu ta’ xhieda anke billi ngħinu kif nistgħu lill-knisja ppersegwitata. Il-qawwa tal-Ispirtu s-Santu li rċivejna fil-Magħmudija u l-Griżma tfakkarna li aħna nagħmlu parti minn knisja li mhix biss f’Malta imma li tinsab f’bosta pajjiżi tad-dinja. Il-fidi tagħna ma tridx tkun biss paroli imma wkoll azzjoni. Huwa għalhekk li xi drabi naħsbu ftit kif nistgħu ngħinu lill-ħaddiehor. Ftit jiem qabel il-Griżma ħsibna li nagħmlu ġest ta’ mħabba u għalhekk illum qed nippreżentaw għotja lill-“Aid to the Church in Need Malta”. J’alla din l-għotja żgħira tagħna tkun ta’ għajnuna għall-insara ppersegwitati imma aktar minn hekk aħna nwiegħdukom li nkomplu nitolbu għal dawk in-nies kollha li ma jistgħux jgħixu t-twemmin tagħhom bil-libertà.”
Nirringrazzjaw lir-Revdu. Walter Cauchi, Kappillan tal-Parroċċa ta’ Wied il-Għajn u lil Fr. Stephen Attard, Viċi-Parroku tal-appoġġ sħiħ tagħhom għal din l-inizjattiva.
Nirringrazzjaw ukoll lis-Superjuri, l-għalliema oħra tal-MUSEUM u lill-ġenituri tat-tfal li pparteċipaw f’din il-Missjoni nobbli. Prosit lil kulħadd.
“Oħloq fija qalb safja, O Alla u spirtu qawwi ġedded fija” Salm 5 1,2