SAN ĠORĠ PRECA – L-GĦALLIEM TAL-PINNA F’għeluq

il-137 sena minn twelidu – 12 ta’ Frar, 1880.

Josette Spiteri SDC – membru tas-Soċjetà tal-Museum

 

Għad hawn ħafna nies fostna li kellhom ix-xorti li laħqu ħaj lil San Ġorġ Preca. Dawn ħutna ċertament li kellhom u għad għandhom vantaġġ fuq nies bħali li ma laħquhx, għaliex il-preżenza ta’ persuna qaddisa qalb il-poplu mhux biss timmotiva u tqanqal imma wkoll ixxennaq għal Alla, filwaqt li trawwem fihom impressjonijiet li ma jmutu qatt.  

Kif jgħidilna l-kittieb Amerikan tas-seklu 20 Francis Scott Fitzgerald il-personalità hija serje ta’ ġesti li saru b’suċċess u li qatt ma nkissru. U ngħiduha kif inhi, qegħdin nitkellmu fuq bniedem qaddis, mimli b’Alla, ispirat biex jgħallem u jeduka, imma fl-istess ħin ma ninsewx li kien bniedem bħall-oħrajn, bis-sentimenti tiegħu, bid-difetti u l-kwalitajiet tiegħu u bil-ħajja sempliċi li kien jgħix fl-ambjenti ta’ dak iż-żmien. Fuq kollox kien meqjus tali għaliex kien konsistenti f’għemilu, fi kliemu, fi ħsibijietu u f’kitbietu.  Kollox fl-ordni u kollox jixhed li qabel il-kelma laħħamha f’taħdit jew kitba, kien diġà naqqaxha f’qalbu u għexha fil-milja kollha tagħha.

Illum nixtieq li niffukaw ftit fuq il-kitba tiegħu.  Kien bniedem li t-tagħlim għalih kien kollox.  U dan għax kien hemm għan wieħed x’jaqdi.  It-tagħlim jagħti lill-bniedem dinjità għaliex jurih direzzjoni u gwida – li dan Kristu jkun magħruf u maħbub minn kulħadd.  Biex dan il-għan tiegħu ma jintesiex, għaliex fil-verità l-bniedem minn dak li jisma’ jista’ jinsa ħafna, ħalla ammont kbir ta’ kitbiet li permezz tagħhom seta’ jerġa’ jfakkar dak li kien jgħid u jtenni.  Ma rridux ninsew li l-mezzi ta’ dak iż-żmien kienu limitati, l-istampa ma kinitx żviluppata bħal-lum u l-ħidma li kellu Dun Ġorġ bħala saċerdot ma kinitx żgħira lanqas.  Imma t-tagħlim tal-kitba kien infuż fil-qaddis u kien jemmen li dan jgħin biex wieħed jitgħallem.  Filfatt, insibu kitbiet li kienu esklussivament intenzjonati għall-użu privat tas-Soċjetà tal-Museum, filwaqt li oħrajn kienu jitqassmu fost il-poplu meta dan kien imur bi ħġaru biex jisma’ tagħlimu.

Kitbet San Ġorġ Preca hija varja u meta ngħid hekk qed infisser li l-istil għalkemm jidher li huwa tal-istess persuna, għandu wkoll metodi pedagoġiċi interessanti li juru mhux biss kemm Dun Ġorġ kien bniedem kolt u aġġornat fit-tagħlim tal-Knisja Kattolika, imma fuq kollox kien bniedem ta’ spiritwalità profonda u lest li jgħallem b’varjetà li timmotiva u tqanqal biex wieħed jersaq lejn Alla l-ħallieq tiegħu.

 

  1. Kitba Riflessiva fuq varjetà ta’ virtujiet 

Kitbet San Ġorġ Preca hija mogħnija b’diversi stili riflessivi li jgħinuna nitħarrġu u nillottaw kontinwament biex nakkwistaw il-virtujiet u nagħrfu aktar min hu dan is-Sinjur Alla.  F’dawn l-istili ta’ kotba bħalma huma Iż-Żewġ bnedmin, Il-Ġinnasju Spiritwali, ix-Xbiha ta’ Alla, X’għandna nagħmlu biex insalvaw ruħna, fost tant oħrajn, il-qarrej isib sensiela ta’ filosofija ta’ ħsibijiet profondi u konjittivi li jħajru lill-bniedem ibiddel ħajtu u jagħmel l-isbaħ konverżjoni interna.

 

Meta l-kuxjenza twiddbek li t-tali azzjoni mhix ta’ min jagħmilha, għax ħażina, jew hija ta’ min jagħmilha għax hija tajba, ku af, li inti tkun qed tmur kontra l-vuċi ta’ Alla, jekk inti tagħmlilha reżistenza. (Ġinnasju Spiritwali).

 

  1. Kitba Soċjo-Kulturali

Bħal kull ċittadin ieħor, Dun Ġorġ kien jgħix f’ambjent li xi ftit jew wisq jiddertermina l-kitba tiegħu.  Huwa kellu l-polz tal-poplu, kien jagħmilha man-nies, jitkellem magħhom, jagħti pariri siewja, iħeġġeġ u jrawwem b’xi tagħlima li tqnaqal.  F’kelma waħda, San Ġorġ Preca kien tabilħaqq jemmen bi sħiħ li biex wieħed jitgħallem fuq Alla, jeħtieġ li min jgħallmu juża l-aqwa u l-ogħna għodda tiegħu stess:  l-ilsien li jitkellem bih. Mela filwaqt li uża l-lingwa mitħaddta, ħaddem ukoll dik miktuba biex jagħmel aktar enfasi fuq it-tagħlim li ried jgħaddi.  Għaldaqstant, f’diversi kotba tiegħu nsibu frażijiet idjomatiċi li lkoll nafu f’ilsienna, kif ukoll qwiel li bihom ried jaċċenna aktar l-argument tiegħu.  Hemm ukoll kitba oħra ta’ Dun Ġorġ fejn fiha joħloq espressjonijiet tad-deheb hu stess,  li jixbhu ħafna l-proverbji Maltin u dawn waqt li wieħed jaqrahom awtomatikament jgħinuh biex jifhem aħjar id-direzzjoni ta’ ħajtu.  Fost l-aktar kotba li fihom dan l-istil ta’ kitba nsemmi It-Teżor ta’ Missirijietna, Id-Dettatura tal-Patri Majjistru Gregorju, Pariri ta’ Swor Anaknosija u Il-Majjistra Esperjenza.

 

Ja bniedem la tmurx fejn jitfgħek ir-riħ jew fejn jimbuttak, iżda mur fejn fhimt li tmur, u xejn tagħmel addoċċ, jekk ma tridx tindem. (Pariri ta’ Swor Anaknosija).

 

Tgħallimt li ma nagħmilx dak li ma rridx lili. (Il-Majjistra esperjenza).

 

  1. Il-Kitba Pedagoġika   

Irrid nagħmilha ċara li fis-sewwa, kull kitba ta’ San Ġorġ Preca hija Pedagoġika.  Dan ifisser li f’kull stil tiegħu, il-qaddis Malti dejjem żewweġ l-akkademika mal-kunċetti teoretiċi tiegħu li fl-aħħar mill-aħħar dawn jieħdu sura konkreta.  Iżda f’dan il-ġeneru ta’ kitba tisboq aktar il-konsistenza filwaqt li t-tagħlim miġbud huwa gradat u memorizzat.  Interessanti l-fatt li t-tagħlim gradat kif jippreżentah Dun Ġorġ, huwa espressjoni faċli ta’ fehim u li dan jilħaq il-milja tiegħu l-aktar fl-attitudnijiet kollha tan-Nisrani, fil-mod kif jaħseb, jitkellem u jaġixxi. Wara kollox dan hu dak li kien jgħid anki l-għaref Ċiċerun li tkun taf il-liġijiet mhix biss li inti timmemorizzahom, imma li takkwistahom fik fil-qawwa u t-tifsira kollha tagħhom.

L-aktar ktieb li jispikka hawn huwa Il-Ktieb tas-Sinjali u l-Mezzi.

 

Min għandu fih l-Ispirtu ta’ Kristu, jimita lil Kristu f’kollox.  (Il-Ktieb tas-Sinjali)

 

  1. Kitba ta’ Korrispondenza

Patri Alexander Bonniċi OFMConv. fil-ktieb tiegħu San Ġorġ Preca Fid-dawl tal-ittri tiegħu, jisħaq li fuq livell ġenerali, meta Dun Ġorġ kien iwieġeb xi ittra li kienu jibagħtulu, dejjem wera li kellu pedament tajjeb ħafna ta’ psikoloġija, filwaqt li kien rigal tabilħaqq mistħoqq għall-poplu Malti.  Bħal kull bniedem ieħor li kien jiftaħ qalbu miegħu, Dun Ġorġ kien jifhem bis-sħiħ it-tribulazzjonijiet tal-ħajja għaliex bħalna kien imtaqqal bil-problemi tiegħu: bħal ngħidu aħna d-dgħufija ta’ saħħtu jew ta’ saħħet qrabatu.  Il-korrispondenza tiegħu f’ħafna mill-ittri li wieġeb, tirrifletti abbandun totali: rabta sħiħa u dejjiema mal-volontà providenzjali ta’ Alla. 

L-aktar ittri li juru kontinwità huma dawk li wieġeb lis-Superjura Rakela Camilleri li kienet is-Superjura Djoċesana ta’ Għawdex u li minħabba problemi ta’ vjaġġar kienet tieħu sensiela ta’ pariri mingħand San Ġorġ Preca permezz tal-ittri li kienet tibgħatlu.  Fost it-temi msemmija f’dawn l-ittri insibu fost l-aqwa L-Intenzjoni retta, il-Manswetudni, l-Ubbidjenza, l-Appostolat Museumin u l-Attributi ta’ Alla.

 

Binti oqgħod kwieta u ferħana u kkonfida f’Alla tagħna li jħobbna u jħobbna wisq. (Ittra lil Rakela).

 

  1. Kitba Kristoloġika

Għalkemm f’kull kitba ta’ Dun Ġorġ, Kristu huwa l-qofol tan-Nisrani, hemm sensiela ta’ kotba li l-istil u t-tema tagħhom hija aktar iffukata fuq il-persuna ta’ Sidna Ġesù Kristu.  Huma kotba li filwaqt li jixhdu l-istess tema imma f’ambitu differenti,  l-isem tagħhom huwa metaforiku.  Fost l-aktar ktieb li jispikka huwa Is-Sakrarju tal-Ispirtu ta’ Kristu għaliex f’ dan il-ktieb insibu tliet taqsimiet li juruna x’għamel, x’qal u x’sofra Kristu Ġesù u li dawn l-azzjonijiet kollha jinbidlu f’riflessjonijiet addattati għall-ħajja tan-Nisrani.  Kotba oħra huma L-Isptar ta’ Kristu, Il-Ktieb tan-Notturni, Il-Mansjonijiet, Il-Pjagi ta’ Kristu, Id-Duttrina ta’ Ġesù Kristu Nazzarenu, is-Sena tas-Sinjur  u tant oħrajn.

 

Osserva l-qalb ta’ Ġesù fil-ħerqa għall-konverżjoni tal-midinbin.  (Il-Mansjonijiet).

 

  1. Kitba Marjana

Ma nistax nieqaf hawn mingħajr ma nsemmi l-Kitba li Dun Ġorġ niseġ fuq il-Madonna.  Irridu ngħidu wkoll li f’ħafna minn dawn il-kitbiet Dun Ġorġ jaċċenna wkoll għall-persuna ta’ San Ġużepp u li għal dan ukoll iddedika ktieb sħiħ.  Imma filkaż ta’ Marija, il-qaddis Malti mhux biss iddedika diversi kotba, iżda fihom jinkludi siltiet bibliċi biex isaħħaħ it-tagħlim dwar il-persuna tal-Madonna.  Mhux biss, iżda huwa wkoll jeħodna f’diversi siltiet immaġinarji mill-ħajjet il-Madonna, u li ħafna minnhom silithom mill-kotba Apokrifi, biex filwaqt li jgħaqqad ir-realtà mal-immaġinarju, huwa jkun jista’ jispjega aħjar il-ħajja qaddisa ta’ din il-mara magħżula minn  Alla.  Fost il-kotba ewlenin insibu Ir-Rużarju tal-Madonna, Il-Benedicta u il-Lapidarju.

 

Marija kienet kreatura perfetta f’kollox, għalhekk skont San Ġakbu , kienet silenzjuża.  (Il-Lapidarju).

 

Hemm ħafna aktar x’wieħed jgħid fuq it-tagħlim miktub ta’ San Ġorġ Preca.  Iżda xtaqt nagħtikom togħma tajba u xierqa tal-istili varji li jinsabu fil-kitba ta’ San Ġorġ Preca.  Allura bix-xieraq li jistħoqqlu jissejjaħ l-Għalliem  tal-pinna, għaliex kien kapaċi jħaddem din il-kwalità fih biex iwassal lil Alla għand l-oħrajn.

Fuq kollox dan kollu jtir mar-riħ jekk aħna li nitħajru naqraw kitbietu, nieqfu biss fuq il-kelma u ma nirriflettux bis-serjetà x’nistgħu inbiddlu biex ħajjitna tkun togħġob aktar lis-Sinjur Alla.

 

Josette Spiteri SDC – membru tas-Soċjetà tal-Museum

 

ACN Malta