Kull min kien jaf lil Fr Frans ma skantax li kien irrifjuta li jitlaq mill-belt ta’ Homs, fis-Sirja, meta din sfat bumbardjata bi ħruxija liema bħalha. Kien ilu jgħix u jaħdem hemm għal 50 sena u kien baqa’ fil-belt minn meta din sfat ċirkondata u assedjata mill-forzi ribelli madwar sentejn ilu.

Fis-7 t’April li għadda, wieħed suldat b’wiċċu mgħotti, daħal fid-dar fejn kien jgħix Fr Frans. Ħarġu barra fit-triq u qatluh b’żewġ tiri f’rasu, bla kliem u bla sliem. Anke anġlu tal-paċi bħal Fr Frans sab min jobogħdu għas-sempliċi raġuni li kien bniedem tajjeb.

Min kien Fr Frans u x’kien qed jagħmel is-Sirja – wieħed mill-pajjiżi l-aktar perikolużi li jeżistu? Kien l-aħħar bniedem ewropew li baqa’ Homs minkejja l-ħafna drabi li wissewh biex jitlaq minħabba l-gwerra. “Jekk dawn in-nies qed ibatu, issa rrid li nkun magħhom aktar minn qabel. Kif kont magħhom fi żminijiet sbieħ, irrid inkun magħhom fil-mument tat-tbatija.” Dan kien il-prinċipju ta’ Fr Frans. Hekk kien jaf iħobb.

Fr Frans kien Ġiżwita Olandiż li kien jgħix bħala missjunarju fis-Sirja. Bħalu kien hemm Ġiżwita ieħor, Paolo dall Oglio, Taljan.  Paolo wkoll iddedika ħajtu għall-missjoni fis-Sirja. Huwa wkoll ħalla ħajtu hemm. Ħatfuh ir-ribelli Islamiċi f’Raqqa fl-2013. Ħadd aktar ma sama’ bih. Ħadd ma jaf x’sar minnu.

Iż-żewġ Ġiżwiti kienu t-tnejn għażlu li jgħixu fis-Sirja. It-tnejn kienu jitkellmu tajjeb l-Għarbi u jqisu s-Sirja bħala pajjiżhom. It-tnejn kienu ispirati mix-xewqa li jissieltu għal aktar ġustizzja u favur il-fqar. Għalihom dan kien ifisser is-saċerdozju – mhux tant iċ-ċerimonji u l-ilbies sagru daqskemm li jingħataw biex itaffu t-tbatija tal-fqar.

Imma ħadmu b’modi differenti għall-isfida ta’ kif se jgħinu lill-komunità Nisranija li kienet dejjem tonqos fin-numru fis-Sirja, biex jibqgħu sħaħ fil-fidi tagħhom f’pajjiż għalkollox Musulman.

Paolo ħadem ħafna billi reġa’ bena monasteru nisrani antik ħafna ftit ’il bogħod minn Damasku. Kien il-monasteru ta’ Deir Mar Musa li kien imwaqqaf ħafna sekli qabel ma tfaċċa l-Islam fil-pajjiż. Biż-żmien dal-monasteru ġie abbandunat u safa rovina.

Il-ħolma ta’ Paolo kienet li jerġa’ jqajjem il-missjoni ta’ dan il-monasteru antik, iġifieri jkun mod kif insara u musulmani setgħu jgħixu fis-sliem ma’ xulxin. Ried li llum ukoll, il-monasteru jilqa’ lil kulħadd u jagħtihom iċ-ċans li jiltaqgħu ma’ Alla wieħed missier ta’ kulħadd. Wara kollox kemm Misilmin kif ukoll Insara, ilkoll jagħrfu lil Abraham bħala missier fil-fidi. Għal Paolo, tradizzjoni reliġjuża ta’ erbatax-il seklu ma kellhiex tieqaf hawn.

Waqt li Paolo kien jibni l-monasteru, Fr Frans kien kiseb biċċa art, ftit ‘’il barra mill-belt ta’ Homs. Semmiegħa ‘al-Ard’, bil-Malti tfisser ‘l-Art’. Ħawwel ħafna siġar taż-żebbuġ u dwieli tal-għeneb fuq dik l-art u ħoloq ċentru ta’ spiritwalità oriġinali għall-aħħar. “Hawn post sempliċi, daqskemm hi sempliċi l-art innifisha. Dak kollox!” Hekk kien jiddeskrivi Al-Ard.

Kien jemmen bil-mezzi naturali – la pestiċidi u ebda kimika. Kullimkien jikber ward u ħxejjex bl-aktar mod naturali. F’nofs il-propjetà kien ikabbar ħxejjex għall-ikel. Kien jistieden jiġu jaħdmu hemm ħafna tfal u żgħażagħ, speċjalment dawk b’xi diżabilità. Kont tarahom jiżirgħu, jagħżqu, isaqqu. Kull filgħodu tara lil Fr Frans bil-VW antika tiegħu idur l-irħula jiġbor lil dawn iż-żgħażagħ għal ġurnata xogħol oħra.

Bis-saħħa t’hekk il-familji stess ta’ dawn it-tfal b’diżabiltà bdew jegħlbu l-mistħija tradizzjonali ta’ ġenituri bi tfal ta’ dan it-tip. Ma baqgħux jaħbuhom u jwarrbuhom. Bis-saħħa ta’ Al-Ard Fr Frans kien ħoloq komunità fejn kulħadd seta’ jkun tassew apprezzat u mogħti d-dinjità vera tiegħu jew tagħha.

Ix-xogħol kien isir minn ħafna voluntieri li kienu jiġu jgħixu fl-iriziezet ta’ Fr Frans. Xogħol ta’ sabar u mħabba ma’ persuni b’diżabilità ta’ kull tip. Al-Ard kienet saret ir-rifuġju tal-fqar u ċ-ċkejknin. Għalih dan kien il-veru djalogu reliġjuż. Biex noqorbu lejn xulxin, insara, musulmani u nies ta’ kull reliġjon, l-ewwel ma rridux nibdew mid-diskussjonijiet tat-teoloġija jew tad-duttrina. Għal Fr Frans l-Ispirtu t’Alla kien jinsab fil-qalb ta’ kull bniedem, hi x’inhi r-reliġjon jew twemmin tiegħu.

Huwa stess kien jipprattika l-meditazzjoni Zen, tant importanti fil-Buddiżmu. Kien jgħaddi ħin twil ta’ silenzju kull filgħodu u kien jgħallem il-meditazzjoni u l-yoga fi spazju miftuħ u mdawwal li kien iservi ta’ kappella. Kien jgħid: “Għalija rridu nibdew l-ewwel billi aħna l-bnedmin niltaqgħu u nilqgħu lil xulxin. Imbagħad ir-reliġjon tiġi wara.”

Żgur li din l-attitudni ta’ spiritwalità miftuħa kienet tiġbed ħafna żgħażagħ lejh. Fl-1980 kien beda esperjenza ta’ mixja twila fil-muntanji tas-Syria għaż-żgħażagħ tal-parroċċa tiegħu. Wara tletin sena Fr Frans, li issa kien wasal għas-70 sena fl-età, kien għadu jorganizza dil-mixja li kienu jattendu għaliha bejn 200 u 300 żagħżugħ: kien hemm Sirjani, Insara, Musulmani, Drużi u Alawiti.

“Il-mixja ġġib lin-nies qrib ta’ xulxin. Jaqsmu flimkien l-għeja, l-irqad, l-ikel u s-solidarjetà ma’ xulxin. Wara esperjenza bħal dik xejn ma kien jibqa’ importanti li int Nisrani jew Mislem. L-importanti kien ikun li int kont hemm!”  Hekk kien jitkellem Fr Frans.

Għalih li taħdem l-art, toqgħod fis-skiet, timxi fin-natura… dawn kienu kollha l-aqwa mezzi biex tinħoloq dik l-għaqda u l-ftehim bejn il-bnedmin. Dak li hu kien isejjaħ: “ir-realtà komuni ta’ kull bniedem – li qed ngħixu!”

Kien jistrieħ aktar fuq ir-realtà tal-ħajja mgħixa milli fuq iċ-ċertezzi ta’ xi teoloġija jew duttrina reliġjuża weħidha. Darba qal: “Taf int, fil-fatt ma tantx għandi grazzja mar-reliġjonijiet. Nemmen li hi l-esperjenza spiritwali li hi l-għajn ta’ kull fidi. Sfortunatament ħafna reliġjonijiet jitilfu dik l-ispirazzjoni ewlenija, dik l-esperjenza diretta u jitilfu s-sens ta’ direzzjoni vera. Jibdew jgħidu ħafna diskors kumplikat fuq l-Ispirtu li jkunu ilhom li nqatgħu minnu. Mhux ta’ b’xejn li jikber il-faċċoliżmu reliġjuż!”

Fr Frans ma kienx jaf fejn joqgħod il-wiċċ b’ieħor. Baqa’ fidil lejn il-missjoni tiegħu. Waqt l-assedju ta’ Homs, bil-kefrijiet tremendi u attakki bla ħniena, qatt ma ċċaqlaq minn postu fost in-nies. Baqa’ sal-aħħar qatt ma jsemmi Insara jew Misilmin. Kien jitkellem biss fuq bnedmin li qed jitħabtu biex jibqgħu ħajjin.

“M’hemm xejn li jaqsamlek qalbek aktar milli tara l-ommijiet iħufu fit-toroq imfarrka mill-bombi, ifittxu xi ħaġa tal-ikel għal uliedhom. Aħna nħobbu l-ħajja, irridu l-ħajja. Ma rridux ngħerqu ġo baħar ta’ tbatija u uġigħ.” Hekk kien qal f’waħda mill-aħħar intervisti li kienu għamlulu l-ġurnalisti ftit qabel ma qatluh.

Għax emmen fil-bniedem u fil-ħajja tal-Ispirtu t’Alla fil-bniedem, Fr Frans baqa’ fidil sal-aħħar. Miet martri ta’ mħabbtu għal ħutu l-bnedmin.

 

Dan l-ariklu qed jigi pubblicat bil-kortesija ta Patri Paul Chetcuti S.J, Editur tar-revista R&M 2000.