Stephen Axisa d-Direttur Nazzjonali tal-Aid to the Church in Need (Malta) nhar l-Erbgħa 15 ta’ Lulju 2015 ġie mistieden minn Fr. Alfred Vella Delegat ta’ l-Arċisqof għall-laqgħa annwali li l-Kummissjoni Emigranti u t-Turiżmu torganizza għas-Saċerdoti, Reliġjużi u Lajċi Missjunarji fejn iltaqgħu ma’ Mons. Arċisqof Charles J. Scicluna.

Waqt din il-laqgħa Stephen ippreżenta lil Mons. Arċisqof, Kuruna tal-Ħajja Kkonsagrata, li ġiet imbierka mill-Papa Franġisku. Din il-Kuruna ġiet ippreżentata wkoll lil Mons. Philip Calleja u Fr. Alfred Vella President u Delegat ta’ l-Arċisqof rispettivament, lil Mons. Salvinu Micallef Direttur tal-Missio u l-Missjunarji preżenti.

L-iskop ta’ din il-Kuruna huwa li nkomplu nxerrdu d-devozzjoni lejn ir-Rużarju Mqaddes kif ukoll biex nuru l-apprezzament ta’ l-Aid to the Church in Need lis-Saċerdoti u Reliġjużi Rġiel u Nisa tal-ħidma tagħhom fi ħdan il-Knisja u tat-talb għal ħutna l-Kristjani ppersegwitati minħabba t-twemmin tagħhom.