Kulħadd sama’ li fid-19 ta’ April li għadda l-ISIS qatlu 21 Kristjan Etijopjan billi qatgħulhom rashom f’xatt il-baħar, fil-Libja. Imma forsi ftit jafu li wieħed minnhom, ċertu Jemaal Rahman, kien Musulman li tgħammed u sar Kristjan propju fil-ħabs daqskemm impressjonatu l-fidi ta’ sħabu.

Il-Papa Franġisku stqarr li fl-aħħar seklu kien hawn aktar Kristjani li ġew ippersegwitati jew maqtula għall-fidi tagħhom fi Kristu milli fis-sekli ta’ qabel kollha f’daqqa.

Din mhix xi ħlieqa. Dan hu fatt imsaħħaħ u ppruvat minn diversi stħarriġ u rapporti serji magħmula minn organizzazzjonijiet bħall-Aid to the Church in Need (ACN) li kull sentejn toħroġ ir-Religious Freedom Report (żur https://acnmalta.org/religious-freedom-report-executive-summary/ ).

Gyula Orban, uffiċjal tal-ACN, stqarr li fi żmienna aktar minn 200 miljun Kristjan qegħdin ibatu u huma ppersegwitati minħabba l-fidi tagħhom fi Kristu.

F’aktar minn 60 pajjiż, il-Kristjani mhux biss qegħdin jiġu ddiskriminati, imċaħħda mid-drittijiet fundamentali tal-bniedem, u meqjusa bħala ċittadini tat-tieni klassi, iżda wkoll qed jiġu ttorturati, stuprati, mitfugħa l-ħabs, imkeċċija minn djarhom u minn pajjiżhom, immassakrati u maqtula brutalment.

Bosta huma indifferenti għal din l-inġustizzja. U dan mhux biss min-naħa tal-media, iżda wkoll mid-decision makers li jdumu wisq biex jieħdu deċiżjoni. Kellu raġun il-Papa meta waqt Anġelus riċenti kkundanna l-fatt “li hawn kumplott globali ta’ skiet” dwar ħutna Kristjani.

Saħansitra f’istituzzjonijiet bħan-Nazzjonijiet Uniti u l-Parlament Ewropew jistħu jew jibżgħu jsemmu l-kelma Christians u minflok jużaw il-kelma minorities.

L-ACN tħoss li ma tistax tibqa’ siekta quddiem dan “il-kumplott globali ta’ skiet”, għalhekk qed taħdem bis-sħiħ biex timmobilizza lill-Kristjani u dawk ta’ rieda tajba biex jagħmlu pressjoni fuq il-politiċi ħalli titwaqqaf il-persekuzzjoni li qiegħda ssir kontra l-Kristjani.

Bl-għajnuna t’Alla u l-ġenerożità tal-benefatturi, l-ACN qed tgħin fl-Evanġelizzazzjoni, tipprovdi assistenza lill-missjunarji (anki Maltin), u tipprovdi għajnuna essenzjali bħal ikel u akkomodazzjoni. F’din is-siegħa ta’ prova ħutna qed jiddependu mit-talb, mill-kompassjoni u mill-ġenerożità tagħna.

 

Stephen Axisa

Direttur Nazzjonali

Aid to the Church in Need (Malta)

 

*          Dan l-artiklu ġie mtella’ fl-edizzjoni ta’ Ġunju tar-rivista ‘Flimkien’.