Krudili jew sofistikati, il-persekuzzjonijiet huma l-ħobż ta’ kuljum tal-Knisja

 

 IL-Papa Franġisku fl-omelija tat-Tlieta, 12 ta’ April 2016 fid-Dar Santa Marta

Il-persekuzzjoni hi l-ħobż ta’ kuljum tal-Knisja

 Il-persekuzzjoni hi l-ħobż ta’ kuljum tal-Knisja.  Il-Papa Franġisku waqt l-omelija li għamel fil-Kappella tad-Dar Santa Marta sostna li bħalma ġralu San Stiefnu u l-martri ż-żgħar li qatel Erodi, anki llum hemm tant Insara li jinqatlu minħabba l-fidi tagħhom fi Kristu, oħrajn huma persegwitati b’metodi sofistikati għax iridu juru li huma ulied Alla.

Jeżistu persekuzzjonijiet imdemmija bħal, per eżempju, nies li jisfaw mikulin mill-annimali salvaġġi għal gost tal-poplu li jkun qed jarahom, jew inkella vittmi ta’ splużjonijiet huma u ħerġin mill-Quddiesa.

Persekuzzjoni tal-Kultura

Hemm ukoll persekuzzjonijiet “bl-ingwanti bojod”, moħbijin taħt il-libsa “tal-kultura”, dawk li jitfgħuk f’rokna tas-soċjetà, li jaslu biex ineħħulek ix-xogħol jekk inti ma timxix mal-liġijiet li jmorru kontra Alla l-Ħallieq.

Ir-rakkont tal-martirju ta’ Stiefnu li naqraw fis-silta mill-Atti tal-Appostli, nebbħet lill-Papa biex jirrifletti fuq sitwazzjojijiet tal-passat u oħrajn ġodda li tul elfejn sena sawwru l-istorja tal-fidi Nisranija: il-persekuzzjonijiet.

Jiena ngħid, qal il-Papa, li l-persekuzzjoni hi l-ħobż ta’ kuljum tal-Knisja.  Dan qalu Ġesù.  Meta aħna mmorru bħala turisti fil-Kolossew ta’ Ruma, naħsbu li l-martri huma dawk li nqatlu mill-iljuni.  Imma dawk ma kienux l-uniċi martri.

Il-martri huma rġiel u nisa tal-ħajja ta’ kuljum

Il-martri huma rġiel u nisa tal-ħajja ta’ kuljum, tal-Għid li ċċelebrajna ftit tal-ġimgħat ilu…. Dawk l-Insara li kienu qed jiċċelebraw l-Għid fil-Pakistan u sfaw martri propju għax kienu qed jiċċelebraw lil Kristu Rxoxt.  B’hekk l-istorja tal-Knisja tibqa’ dejjem miexja bil-martri tagħha.

Il-martirju ta’ Stiefnu kien il-bidu ta’ persekuzzjoni krudili kontra l-Insara ta’ Ġerusalemm l-istess bħal dik ta’ min illum mhux ħieles biex jistqarr il-fidi tiegħu f’Ġesù.

Persekuzzjoni Edukata

Imma hemm persekuzzjoni oħra, osserva Franġisku, waħda li ma tantx nitkellmu dwarha, persekuzzjoni moħbija wara l-maskra tal-kultura, tal-modernità, taħt il-maskra tal-progress. B’mod ironiku jien insejħilha “persekuzzjoni edukata”.  Issir meta bniedem ikun persegwitat mhux għax irid juri li jistqarr l-isem t’Alla imma għax irid juri b’ħajtu l-valuri ta’ Iben Alla.  Hija persekuzzjoni kontra Alla l-Ħallieq fil-persuna ta’ uliedu!

U b’hekk ta’ kuljum naraw li s-setgħat jgħaddu liġijiet li jobbligaw lil dak li jkun jimxi f’dit-triq u nazzjon li ma jimxix fuq dawn il-liġijiet “moderni”, kolti, jew li ma jridx idaħħalhom fil-kodiċi tiegħu, ikun akkużat, persegwitat b’mod “pulit, edukat”.  Hi persekuzzjoni lil lill-bniedem tneħħilu l-libertà, u tneħħilu wkoll id-dritt li joġġezzjoni minħabba l-kuxjenza.

Din hi l-persekuzzjoni tad-dinja, li tneħħi l-libertà, filwaqt li Alla, afferma l-Papa Franġisku, għamilna ħielsa biex nagħtu xhieda tal-Missier li ħalaq u ta’ Kristu li salvana.  U din il-persekuzzjoni, żied jgħid, għandha wkoll “ras”.

Ir-ras tal-persekuzzjoni “edukata” qalilna min hu Ġesù stess: il-prinċep ta’ did-dinja.U meta s-setgħat ikunu jridu jimponu atteġġjamenti, liġijiet li jmorru kontra d-dinjità ta’ Iben Alla, jippersewgitaw lil min ma jaqbilx magħhom u jmorru kontra Alla l-Ħallieq.  Din hi l-ereżija l-kbira. 

 

B’hekk il-ħajja tal-Insara tibqa’ miexja b’dawn il-persekuzzjonijiet.  Imma l-Mulej wegħedna li mhux se jitbiegħed minna. “Attenti, oqgħodu attenti!  Taqawx fl-ispirtu tad-dinja, oqgħodu attenti!  Imma ibqgħu mexjin għax jien inkun magħkom!”, temm il-Papa.

 

…ippublikata bil-kortesija ta’ Radju Marija

ACN Malta