Matul dax-xahar ukoll il-Papa qed jistieden biex il-Kristjani ppersegwitati jħossu l-faraġ tal-preżenza ta’ Kristu Rxoxt u s-solidarjetà tal-Knisja kollha.

Fix-xahar tal-Għid, ir-rebħa ta’ Kristu Rxoxt, il-Papa mlibbes b’qalb li tħenn għall-foqra, l-emarġinati u l-persegwitati juri lill-bniedem ta’ żmienna li fi Kristu Rxoxt biss isibu l-faraġ.

Illum il-bnedmin huma mġarrba b’inġustizzji, b’ħażen, b’indifferenzi, bi krudeltajiet, b’esperjenzi ta’ fallimenti, bi dgħufijiet umani, bi ġrajjiet ta’ skuntentizzi u b’listi t’affarijiet li joħonqu l-ferħ tal-bniedem.

F’dan kollu ma jridx jgħid ‘fejn hu Alla, m’hemmx Alla’ imma jiftakar kliem Ġesù u lilkom kulħadd isir jobgħodkom minħabba f’ismi imma min jibqa’ sħiħ sal-aħħar dan isalva’ (Mt. 10, 22). In-Nisrani li jisma’ dan il-Vanġelu jrid jixħet qalbu fuq kliem Alla, ‘għad jagħmlu gwerra lill-Ħaruf u l-Ħaruf joħroġ rebbieħ fuqhom għax Hu Sid is-sidien u Sultan tas-Slaten (Apok. 17,14).

Il-Knisja li ħsiebha hu li tgħix u xxandar il-Vanġelu wriet dan meta fl-2008, 56,000 Nsara ġew ippersegwitati mill-estremisti Ħindu fl-Indja u meta f’Marzu 2014 missier ma’ żewġ uliedu ta’ 8 u 11-il sena sfaw b’rashom imħanxra għax huma Nsara f’Barawa fl-Afrika. Il-mezzi ta’ komunikazzjoni jwasslu dawn il-krudeltajiet f’kull rokna fejn jgħixu l-imsejħa għall-ħajja tal-Vanġelu li dejjem wassal u jibqa’ jwassal il-ferħ ta’ Kristu Rxoxt, ferħ għalih innifsu u għal min jittama fih. Ġesù li kien ippersegwitat u msallab, qam u għadu ħaj magħna u jibqa’ ħaj.

Għal min jemmen fih irid iqisu miexi fl-istorja tagħna fid-dinja llum bi ħsieb żgur ta’ rebħa fuq kull inkwiet li qed jinżera’ fil-qlub ta’ kulħadd. Ġesù Rxoxt hu ż-żerriegħa t-tajba fost il-ħaxix ħażin (Mt. 13, 24-30), il-ħmira li tgħolli l-għaġna (Mt. 13-33) u l-iżgħar żerriegħa li tikber f’siġra kbira (Mt. 13, 31-31). Min jagħraf dan u jgħixu jkun fir-renju ta’ Alla li qiegħed fid-dinja u jrebbaħ lil kull min jittama fih.

Temmen int li Kristu Rxoxt jara kulma qed jiġri fik u qribek? Ittama fih!

 

Meħuda minn Leħen is-Sewwa ta’ nhar il-Ħadd, 5 t’April 2015