Alla jsir kollox f’kulħadd

Professur Dun Salv Chircop

 

Il-Knisja titlob sentire cum ecclesia!  Imma sentire cum fideles teżisti bl-istess mod u saħħa?  Forsi dan hu l-fenomenu Franġisku (b’kuntrast mal-istituzzjoni li hu jmexxi)!

Fis-sitwazzjoni tal-Knisja (fejn m’hemmx struttura ta’ marketing) il-ħidma tal-Uffiċċju Komunikazzjoni trid mhux biss tkun li jxandar dak li l-Knisja trid twassal lin-nies, imma wkoll iwassal dak li n-nies trid tgħid lill-Istituzzjoni. Il-komunikazzjoni hi two-way.

Għalkemm tikkomunika b’ħafna manjieri, irid ikollok konsistenza ta’ messagġġ fil-mezzi ta’ komunikazzjoni li tuża. Meta tonqos il-konsistenza, jiddgħajjef il-messaġġ.  Il-Papa Franġisku mhux biss jitkellem fuq l-umiltà, imma hu umli fl-ilbies, fil-kliem sempliċi, fil-ġesti (iġorr il-briefcase tiegħu), jirkeb il-private mal-oħrajn…

Il-Knisja hi sitwazzjoni komplessa u diffiċli għax hi titkellem b’ħafna għamliet u tipprova tilħaq lil kulħadd.  Se nieħu biss punti li kulħadd jista’ jħawwar bl-esperjenzi tiegħu.

Dak li l-Knisja tgħid 

Dan jinkludi stqarrijiet għall-istampa, omeliji uffiċjali u oħrajn, użu ta’ website u media soċjali, pastorali tal-Isqfijiet, eċċ.

Dak li l-Knisja tagħmel jew ma tagħmilx

Hawn indaħħal il-liturġiji, azzjonijiet uffiċjali, il-mod kif il-Knisja u n-nies tagħha jippreżentaw ruħhom, il-festi, in-nuqqas ta’ faċilitajiet fil-knejjes, il-mod kif tagħmel u tonfoq il-flus.

Ir-reputazzjoni tal-Knisja

Dan jinkludi dak li n-nies jaraw fil-Knisja, l-istorja tal-passat.  Hawn nixtieq ngħid li l-Knisja qatt ma ħasbet biex ikollha storja miktuba!

Inżid li ma tistax tilħaq il-kunsens fil-komunikazzjoni bl-użu tal-forza.  Kull meta jsir hekk indgħajfu t-twemmin u nirredikulaw lil Kristu li dejjem offra lil nnifsu u mhux impona ruħu.

Lil min irridu nilħqu

Il-Knisja tipprova tilħaq lil kulħadd. Fl-imgħoddi għamilna sforzi biex naqsmu n-nies fi gruppi speċjali (xi forma ta’ segmentation) għax in-nies mhux kollha xorta!  Pereżempju: bl-etajiet: tal-Preċett, tal-Griżma, anzjani. Bi stil ta’ ħajja:  Turiżmu intern, dawk li jħobbu l-arti; bil-fazijiet tal-ħajja: Preparazzjoni għaż-żwieġ, mizzewġin żgħażagħ. Bi gruppi speċjali: romol, studenti, ħaddiema tal-id.

Abbè F. Houtart, H. Carrier u Professur Leslie Francis għamlu ħafna xogħol biex jaqsmu l-gruppi skont kif dawn iħaddnu l-Knisja.  B’dan il-metodu allura jkollna l-gruppi tal-qalba (midħla tas-sagristija), dawk li jattendu fil-Ħdud, dawk li jersqu fl-okkażjonijiet, dawk li ma jersqux (tal-periferija) u dawk li jarawna xjaten (segmentation by level of belonging).  Il-vantaġġ ta’ dan it-tqassim iġegħelna naħsbu mhux biss f’dawk li jersqu imma f’dawk li huma ’l bogħod  (Benedittu XVI kien jitkellem fuq il-Bitħa tal-Ġentili).

Dan it-tqassim hu importanti għax kull grupp għandu l-lingwaġġ, l-espressjoni u t-tifsiriet tiegħu.  Hi ħasra li minħabba li l-qassisin u l-operaturi pastorali jimxu minn xogħol għall-ieħor u minn okkażjoni għal oħra ftit issir differenza fl-omeliji, fid-diskors, fil-lingwaġġ…

Prinċipju ieħor hu li ma nistgħux ngħidu kollox. Irridu nagħżlu dak li hu l-aktar importanti f’kuntest partikulari għax l-attenzjoni u l-ħin huma qosra! 

Għandna prijoritajiet ċari? Nemmen li l-objettivi tagħna mhumiex ċari. Ġie Sinodu u tlifna l-opportunità! Għandna Ġublew, ftaħna l-bibien u tlifna opportunità.

Is-sitwazzjoni kurrenti

Ħafna mezzi huma mmirati lejn l-istess nies u gruppi.  Dan ifisser spejjeż użati ħażin u li mhux nilħqu gruppi oħra. Eżempju: il-website, il-Flimkien, u l-RTK kollha jilħqu lil dawk li huma tal-qalba jew tal-Ħdud (li semmejt aktar ’l fuq).

Għandna persuni li jħallu impatt ma’ ta’ barra imma minħabba li dawn huma miżmuma fil-periferija tal-Knisja ma jistgħux jgħinu liċ-ċentru jħoss għal dawk li qegħdin barra. 

Xi drabi għal dawk fit-tmexxija dawn l-uħud jidhru bħala devjazzjoni u għalhekk il-ġid li jagħmlu ma tibbenefikax il-Knisja. Dawn l-uħud jidhru bħala eċċezzjoni u mhux ir-regola fil-Knisja f’Malta.

X’nista nagħmel bħala Nisrani Malti llum? Nissuġġerixxi xi punti.

Irrid inkun Nisrani b’ħajti. Il-Papa Franġisku rebaħ id-dinja għax jgħix umiltà li tirbombja.

Irridu nkunu Nsara intelliġenti. Nibda ngħid li rridu nkunu nies ta’ qari wiesgħa. Il-qari juri l-imħabba tagħna lejn dak li ħalaq Alla u dak li qed jiġri madwarna.  Permezz tal-qari nintebħu li dak li aħna naraw bħala importanti jista’ ma jkunx (u bil-maqlub).

Imbagħad irid ikollna ftuħ għall-ideat u l-persuni fil-ħajja tagħna (Numri 11, 25-9  u Atti 10, 9-48).

Dan kollu hu dmirna sakemm iseħħ kliem Pawlu lill- Efesin (4, 6) “Alla jsir kollox f’kulħadd.”  Hemmhekk isseħħ il-komunikazzjoni aħħarija tagħna.